Ġenna ta’ l-Art

Miktuba minn Salvu Mallia

Meta kont ħafna iżgħar, kont nisma’ xi kanzunetta bħal ta’ Celentano ‘Il Ragazzo della Via Gluch’ titkellem fuq il-ġungla tal-konkos li diġa’ kienet bdiet tibla’ l-Italja u t-tħassir ta’ l-ambjent. Naħseb li għax kont għadni baħnan, kont ngħid bejni u bejn ruħi: “Kieku aħna nissaportu ftit, minn hawn u ftit ieħor ikollna xi ħaġa li ħaddieħor kellu u tilifha, u issa kulħadd jibda jiġi biex igawdiha tagħna!”

Min jara l-programm tiegħi Madwarna jaf, li jien lil din il-gżira, imqar stuprata kif inhi u mqaħħba għall-flus, insejħilha ĠENNA TA’ L-ART, u ngħiduha bir-raġun. Għad baqalna rqajja li minkejja t-tentazzjoni u t-tpesis ħelu tal-miljuni, għadhom verġni. Jew kważi, ħa. Għax biċ-ċokon tagħna, kull bidla ċkejkna kemm hi ċkejkna mill-ewwel tinħass, miljun darb’ aktar minn pajjiżi oħra li għandhom kilometri sħaħ ta’ x’jaħlu…..u sadattant, huma wkoll saru għajnejhom beraħ biex ma jkomplux jgħaffġu bl-addoċċ bħal qabel.

Nisimgħu ħafna l-kelma ‘sostenibbli’, buzz word li jkolli ngħid tintuża, aktar biex nuru li aħna moderni għax nafuha, u forsi nitfgħu ftit bżar f’għajnejn dawk il-ksur id-devozzjoni li jwerwirhom il-progress, u li jaqilgħu storja għal kull ħaġa ta’ xejn, u li kien għalihom għadna ngħixu fl-għerien! Dawk l-istess nies li wara li nkunu għaxxaqniha, dejjem nispiċċaw ngħidu li kellhom raġun, u malajr malajr ngħamlu ‘policies’ biex inbenġlu l-ħsara u nakkwistgħu xi vot, għax dawn it-trogloditi qed jiżdiedu mhux ħażin! Kelma li għandha ħabta tinqaras, tiġġebbed u tinbaram u ssib toqob minn mnejn tiżgiċċa aktar mill-ġrieden,u arana noħolqu kull skuża biex inrażżnuha f’isem il-ġid komuni jew il-‘progress’ li jgħammex bis-sejħa ħelwa tas-sireni ta’ Ulisse.

Dan l-aħħar rajt stampa ta’ Malta mill-ajru u jidher ċar li tlett kwarti minnha diġa’ mirdum taħt il-‘progress’ u tkexkixt! Imm’ issa dan mhux biżżejjed lanqas , għax anka għas-sema se nduru bħal Babiloniżi! Torrijiet li se jibdlu għalkollox il-pajsaġġ Malti li tant nitqażżu biħ fil-brochours turistiċi. Dik il-ĠENNA TA’ L-ART  li tħajjar  miljuni ta’ barranin jiġu jqattgħu il-btajjel tagħhom magħna u jżoqqulna l-ekonomija. Imma ngħid jien, nafu x’irridu? Għax jekk qed neqirdu dak li għandna x’inbiegħu, allura għalfejn aktar lukandi għal nies li qed ifittxu xi ĠENNA TA’ L-ART  imqar għal ħmistax? U dawn id-djar kollha mgħobbija fuq xulxin jgħolew lejn is-sema għal min huma maħsuba? Ikolli ngħid għall-barranin mimlija flus li jitħajru jiġu jgħixu f’din il-ĠENNA TA’ L-ART li qed neqirdu?

Dan l-iżvilupp nafu li jġib miegħu ħtiġijiet u problemi ġodda, li meta nħares lejn dak li għadna nħabbtu wiċċna miegħu s’issa, qajla nista’ noqgħod b’moħħi mistrieħ. Barra skart, ilma u enerġija, 4,000 karozza ġdid fit-toroq bil-proġett taż-Żonqor Point, u skond Michael Briguglio, traffiku ġdid ta’ 6,000 karozza kuljum bit-torri propost f’tas-Sliema…. barra li se jħassar żgur l-iskyline tal-Belt Valletta  mill-Cottonera, ħaġa li kulħadd donnu jinsieha!

Iwa ħoj, jiena ukoll naħseb li qabel ma nibdew telgħin ‘l fuq, għandna naħsbuha sew u kif, ma jmurx nieħdu xi sabta bħal Icarus li ra kbir u ma semgħax minn missieru li kien għaref aktar minnu. Dawn il-ftit kilometri ta’ art  huma dak kollu li għandna u li jgħamluna min aħna. Issa l-għażla tagħna jekk din il-gżira tibqax il-ĠENNA TA’ L-ART li tant niftaħru biha, jew il-ĠENNA TAL-BOLOH li sab ruħu fiha is-sultan Midas u spiċċa biex tilef mhux biss il-qgħaleb, imma saħansitra l-ġbejna li nbidlet f’deheb li baqagħlu fuq l-istonku!!!


One Comment

  • - Sandro cilia says:

    Proset salv bhas soltu

    Reply


Leave A Reply

3 × 2 =